Movimento dei Focolari

[:ot]Kelma tal-Ħajja – Ottubru 2011[:]

Ott 1, 2011

[:it]“Ejja warajja” (Mt 9,9) [:ot]“Ejja warajja” (Mt 9,9) [:]

[:ot]Download Kelma tal-Ħajja (Word of Life in Maltese)


Huwa u ħiereġ minn Kafarnahum, Ġesù ra wieħed jiġbor it-taxxi, jismu Mattew, bilqiegħda quddiem il-mejda. Minħabba fix-xogħol tiegħu, in-nies kienet tobgħodu u kienet tgħoddu ma’ dawk li jsellfu l-flus u jisolħu n-nies, biex jistagħnew minn fuq dahar ħaddieħor. Għall-kittieba u l-fariżej, dawn kienu midinba pubbliċi, tant li kienu jeħduha kontra Ġesù għax kien “ħabib tal-publikani u l-midinbin” u kien jiekol magħhom.2 Ġesù, kontra kull drawwa soċjali tagħhom, sejjaħ lil Mattew biex jimxi warajh u aċċetta li jmur jiekol id-dar tiegħu, kif, aktar ’il quddiem, kien aċċetta wkoll li jmur għand Żakkew, il-kap ta’ dawk li kienu jiġbru t-taxxi ta’ Ġeriko. Meta staqsewh għaliex kien jagħmel hekk, Ġesù wieġeb li hu ġie biex ifejjaq il-morda u mhux għal min hu b’saħħtu; ġie biex isejjaħ lin-nies midinba u mhux lit-tajbin. Għal darb’oħra, din l-istedina għamilha lil wieħed minnhom:[:][:ot] “Ejja warajja.” Dan il-kliem Ġesù kien diġà qalu lil Andrija, ’il Pietru, ’il Ġakbu u ’l Ġwanni fuq ix-xatt tal-għadira. L-istess stedina, imma bi kliem differenti, qalu lil Pawlu huwa u sejjer lejn Damasku. Imma Ġesù ma waqafx hemm; matul is-sekli hu baqa’ jsejjaħ għal warajh irġiel u nisa ta’ kull ġens u nazzjon. Hekk għadu jagħmel illum: hu jgħaddi minn ħajjitna, jiltaqa’ magħna f’postijiet differenti, b’modi differenti, u jsemmgħalna mill-ġdid l-istedina tiegħu biex nimxu warajh. Isejħilna noqogħdu Miegħu għax irid jibni rabta persunali magħna, u fl-istess ħin jistedinna naħdmu Miegħu fil-proġett kbir li bih ikun hawn bnedmin ġodda. Hu ma jimpurtahx min-nuqqas ta’ ħila tagħna, mid-dnubiet u l-miżerji tagħna. Hu jħobbna u jagħżilna kif aħna. Se tkun imħabbtu li tibdilna u li tagħtina l-ħila biex inweġbuh u l-kuraġġ biex nimxu warajh, kif għamel Mattew. Hu għandu mħabba, għandu proġett ta’ ħajja u sejħa partikulari għal kull wieħed u waħda minna. Dan inħossuh ġo fina bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu jew minħabba ċirkustanzi partikulari jew xi parir, xi kelma li jgħidilna min iħobbna… Għalkemm dan nistgħu nisimgħuh bi kliem differenti, imma s-sens tiegħu jkun dejjem: “Ejja warajja.” Niftakar meta jiena wkoll ħassejt din is-sejħa t’Alla. Kienet ġurnata kiesħa ħafna tax-xitwa fi Trento. Ommi talbet lil oħti ż-żgħira biex tmur iġġib il-ħalib minn post li kien xi żewġ kilometri ’l bogħod mid-dar. Imma kienet kesħa kbira u ma kellhiex aptit tmur; oħti l-oħra wkoll ma riditx tmur. Imbagħad mort quddiem ommi u għidtilha: “Ħa mmur jien, ma”. Qbadt il-flixkun u mort. Ħriġt mid-dar u f’nofs triq ġrali fatt partikulari: ħassejt bħallikieku s-Sema nfetaħ u Alla kien qed isejjaħli biex nimxi warajh. Ġo qalbi ħassejt ’il min jgħidli: “Agħti lilek innifsek kollok kemm int lili”. Kienet sejħa preċiża li xtaqt inwieġeb għaliha minnufih. Tkellimt fuqha mal-konfessur tiegħi li tani l-permess biex nagħti lili nnifsi lil Alla għal dejjem. Kien is-7 ta’ Diċembru 1943; qatt ma se jirnexxili niddeskrivi dak li għadda minn qalbi dakinhar: kont iżżewwiġt lil Alla. Stajt nistenna kollox minn għandu. Dan il-kliem m’għandux x’jaqsam biss mal-mument deċiżiv tal-għażla ta’ ħajjitna. Ġesù jibqa’ jgħidhulna kuljum. Jgħidilna, “Ejja warajja”, meta rridu naqdu d-dmirijiet tagħna ta’ kuljum; “ejja warajja” f’dik il-prova li trid tgħannaqha miegħek, f’dik it-tentazzjoni li trid tegħleb; f’dik il-biċċa xogħol li trid tagħmel… Kif se nwieġbu b’mod konkret? Inwigbuh billi nagħmlu dak li Alla jrid minna fil-mument preżenti, li dejjem iġib miegħu grazzja partikulari. Mela dan ix-xahar irridu nimpenjaw ruħna billi nagħmlu r-rieda t’Alla b’deċiżjoni; nintefgħu ngħinu lil ħutna li rridu nħobbu, meta nkunu x-xogħol, fl-istudju, fit-talb, fil-mistrieħ, f’dak kollu li rridu nagħmlu. Irridu nitgħallmu nisimgħu l-leħen t’Alla fil-fond ta’ qalbna. Hu jkellimna wkoll bil-vuċi tal-kuxjenza: kull mument jgħidilna dak li Hu jrid mingħandna, u rridu nkunu lesti li nissagrifikaw kollox biex nobduh.

“Agħtina l-grazzja li nħobbuK, o Alla,

mhux biss kull ġurnata aktar minn ta’ qabilha,

għax iż-żmien li fadlilna jista’ jkun ftit wisq;

imma agħtina l-grazzja li nħobbuK f’kull mument preżenti

b’qalbna kollha, b’ruħna u l-ħila kollha tagħna

billi nagħmlu r-rieda Tiegħek”.

 

U din hi l-aħjar sistema biex nimxu wara Ġesù.   Chiara Lubich[:]

0 commenti

Invia un commento

Il tuo indirizzo email non sarà pubblicato. I campi obbligatori sono contrassegnati *

Iscriviti alla Newsletter

Pensiero del giorno

Articoli Correlati

Tempo del Creato

Tempo del Creato

Anche quest’anno giunge il Tempo del Creato, la celebrazione cristiana annuale per pregare e rispondere insieme al grido del Creato.